77 Sena ilu inħareġ id-Digriet tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar

Fit-13 ta’ Marzu 1949, fi tmiem żjara pastorali f’Ħaż-Żabbar, l-Arċisqof Mikiel Gonzi rrakkomanda bil-qalb it-talba biex il-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja jiġi nkurunat. Dan il-pass kien xprunat minn għadd ta’ grazzji, fosthom il-fejqan mirakoluż tas-Sqalli Francesco Bertino.
Fir-rikors tiegħu lejn is-Santa Sede, il-Kappillan Dun Ġużepp Zarb ibbaża t-talba fuq tliet attributi meħtieġa biex kwadru jkun inkurunata. Dawn huma l-istoriċità, iż-żamma tad-devozzjoni, u l-mirakli. Huwa fakkar kif il-Knisja kienet meqjuma mill-Kavallieri li spiss offrew trofej tal-gwerra kif ukoll l-ex voto, u kif il-festa tat-8 ta’ Settembru kienet marbuta mar-rebħa tal-Assedju l-Kbir. Iddokumenta wkoll mirakli storiċi, bħax-xita fi żmien in-nixfa u l-ħelsien mill-kolera fl-1837, flimkien ma’ fejqan riċenti ta’ mard terminali bħal meninġite u tumuri.
Fid-dawl ta’ din id-devozzjoni, fl-20 ta’ Lulju 1949, bħal illum 77 sena, il-Kapitlu tal-Bażilika Patrijarkali ta’ San Pietru fil-Vatikan, li kellhu is-seta jinkuruna x-xbiehat grazzi għal legat antik, approva t-talba b’kunsens unanimu. Għamel dan fi żmien l-Arċipretura tal-Kardinal Federico Tedeschini. B’hekk “ix-xbieha tal-Verġni Omm tal-Grazzji” setgħet “tiżżejjen b’kuruni tad-deheb.” Il-kapitlu ta s-setgħa lil Arċisqof Mikiel Gonzi jew jinkurunha x-xbieha hu jew jissottodelega lil xi isqof biex jinkuruna x-xbieha. Id-digriet iġorr id-data tal-20 ta’ Lulju, 1949, id-disgħa sena tal-pontifikat ta’ Papa Piju XII kif ukoll il-firma ta’ Mons. Ferdinando Prosperini.






Leave a Comment