Kmieni mas-sebħ, nhar it-12 ta’ Awwissu 2026, delegazzjoni ta’ tmintax-il ruħ waslet ħdejn Porta del Perugino. Minħabba s-sħana, kif ukoll minħabba xi xogħlijiet li qed isiru fis-Sala Pawlu VI, l-Udjenza saret fil-Bażilika Maġġuri ta’ San Pietru. Din kienet grazzja kbira għalina, għaliex proprju l-warda tal-Madonna tal-Grazzja tbierket fil-Bażilika Maġġuri ta’ San Pietru, fil-Vatikan.
Il-Wisq Rev. Arċipriet Dun Roderick Camilleri, tul dawn id-diversi sigħat, kien qed iġorr il-warda li aktar tard kellha titbierek mill-Papa Ljun XIV. Huwa kien bilqiegħda fis-sezzjoni tal-Baciamano, fuq in-naħa tax-xellug. Dakinhar inqrat silta b’sinifikat teoloġiku kbir, meħuda mill-ewwel kapitlu tal-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, versi 5–8. Din hija tassew is-silta ta’ Apokalissi 1:5–8.
Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen. Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen. “Jiena huwa l-Alfa u l-Omega”, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox.
Fl-Udjenza Ġenerali tat-12 ta’ Awwissu 2026, il-Papa Ljun XIV tkellem dwar is-sena liturġika u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-Knisja. Huwa spjega li s-sena liturġika mhijiex sempliċement kalendarju li jfakkarna f’avvenimenti tal-passat, iżda mod kif il-Knisja tgħix u ġġedded il-misteru tas-salvazzjoni ta’ Kristu. Il-Papa enfasizza b’mod speċjali l-Ħadd, jum il-Qawmien ta’ Kristu, bħala “l-pedament u l-qalba” tas-sena liturġika. Huwa ħeġġeġ lill-Insara biex jieħdu sehem b’mod attiv fl-Ewkaristija u jħallu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù jsawru l-fidi u l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Wara dan, taw l-omaġġ tagħhom l-isqfijiet preżenti, kif ukoll diversi saċerdoti li kienu bilqiegħda fis-sezzjoni tal-Baciamano. Il-ħin qorob. Il-Papa resaq lejn l-Arċipriet tagħna u bierek il-warda tad-deheb li se titqiegħed quddiem il-Kwadru Titulari u Mirakoluż tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar. Fl-istess waqt, mewġa ta’ ferħ ħakmet lilna, ir-rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet f’Ħaż-Żabbar, filwaqt li fil-Bażilika ta’ San Pietru dwiet l-għajta: “Viva l-Papa!”
Fl-istorja tant rikka tal-Kwadru Titulari u Mirakoluż tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar, il-Kwadru intrabat darbtejn mal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. L-ewwel darba kienet permezz tad-digriet mogħti nhar l-20 ta’ Lulju 1949 mill-Kapitlu tal-istess Bażilika. Permezz ta’ dan id-digriet ingħata l-kunsens unanimu biex il-Kwadru Titulari u Mirakoluż jiżżejjen bil-kuruna tad-deheb. Issa, fl-2026, fl-istess Bażilika li l-Kapitlu tagħha kien ta dak il-kunsens, il-warda tad-deheb tal-Madonna tal-Grazzja tbierket minn Q.T. il-Papa Ljun XIV.






Leave a Comment