Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, nhar il-Ħamis 3 ta’ Settembru ser issir waħda mill-aktar serati mistennija tal-festa, dik tal-Ħruġ min-Niċċa tal-Madonna tal-Grazzja.
Il-programm jibda fis-6:00pm b’Pontifikal Solenni mmexxi mill-E.T. Mons. Isqof Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju. Wara ssir il-funzjoni tas-Salve u tingħata l-barka sagramentali.
Fis-7:30pm jasal il-mument tant mistenni meta l-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja tinħareġ min-niċċa tagħha, f’atmosfera ta’ devozzjoni u festa.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fit-8:00pm b’Ċelebrazzjoni Marjana bil-vara tal-Madonna tal-Grazzja fuq iz-zuntier. F’din iċ-ċelebrazzjoni ser jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned ta’ Ħaż-Żabbar, biex ikomplu jżidu mal-atmosfera sabiħa ta’ din is-serata speċjali.
Din is-sena għandha wkoll tifsira partikolari hekk kif qed jitfakkar il-75 anniversarju, 1951–2026, anniversarju li jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn il-poplu Żabbari u l-Madonna tal-Grazzja.
Il-pubbliku huwa mistieden jingħaqad għal din is-serata ta’ fidi, tradizzjoni u devozzjoni Marjana, f’wieħed mill-mumenti ewlenin tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja.






Leave a Comment