F’dawn il-jiem qed jitwettqu diversi xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’żoni differenti madwar Ħaż-Żabbar, fosthom tul il-promenade ta’ Vjal il-Labour u fl-inħawi tal-Knisja tas-Salib Imqaddes.
Matul il-ġimgħa li għaddiet tlestiet parti sostanzjali mit-tindif fi Vjal il-Labour. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tneħħija tal-ħaxix ħażin, iż-żbir tal-arbuxxelli u l-ġbir ta’ skart li kien intefa’ jew tħalla bejn is-siġar. Fost l-iskart miġbur kien hemm ukoll karti u rċevuti li x’aktarx tħallew warajhom minn persuni wara li għamlu x-xiri tagħhom.

Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ sabiex ma jarmix skart fit-toroq u biex jieħu miegħu kwalunkwe karti jew irċevuti sakemm ikun jista’ jarmihom f’post xieraq. Dan jgħin sabiex l-inħawi pubbliċi jinżammu aktar nodfa u pjaċevoli għal kulħadd.
Fl-istess waqt, qed ikompli l-programm ta’ tiġdid tal-marki tat-toroq madwar il-lokalità. Din il-ġimgħa x-xogħol qed jiffoka fuq iż-żona tal-Knisja tas-Salib Imqaddes u fuq diversi toroq tal-madwar li jmissu maż-żona ta’ San Pietru.
Ix-xogħlijiet jinkludu ż-żebgħa mill-ġdid tal-marki tal-waqfien u taż-zebra crossings, kif ukoll bidliet maħsuba biex jiżdiedu l-ispazji għall-parkeġġ fejn dan ikun possibbli.
Is-sewwieqa huma mitluba joqogħdu attenti meta jgħaddu minn dawn iż-żoni, jevitaw li jsuqu qrib wisq tal-ħaddiema, ma jċaqalqux it-tabelli temporanji u ma jgħaddux minn fuq iż-żebgħa friska.
Ix-xogħlijiet qed jitwettqu minn ħaddiema li qed joperaw f’diversi nħawi tal-lokalità bil-għan li jtejbu l-indafa, is-sigurtà u l-ambjent urban ta’ Ħaż-Żabbar.






Leave a Comment