Il-Warda tad-Deheb li se tingħata lil Ommna Marija tal-Grazzja se tkun imbierka mill-Q.T. il-Papa Ljun XIV, wara x-xewqa espressa mill-E.T. Mons. Arċisqof li dan is-simbolu speċjali ta’ mħabba u devozzjoni Marjana jirċievi l-barka tal-Papa.
Il-barka se ssir nhar l-Erbgħa, wara l-Udjenza Ġenerali, meta l-Papa Ljun XIV se jbierek il-Warda tad-Deheb qabel din tinġieb Malta u tingħata lill-Madonna tal-Grazzja.
Fl-istess okkażjoni, se tingħata wkoll għotja lill-Papa b’risq il-ħidma tal-ambulatorji li joffru servizzi mediċi b’xejn lill-persuni fil-bżonn u lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.
L-Ambulatorju Madre della Misericordia u l-ambulatorju l-ġdid San Martino, li jinsabu taħt il-Kolonnat ta’ Pjazza San Pietru fil-Vatikan, jipprovdu firxa ta’ servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas. Fost dawn hemm żjarat mediċi, kura, eżamijiet dijanjostiċi u għajnuna medika lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha.
Din il-ħidma titmexxa mill-Elemosinerija Appostolika, li permezz ta’ dawn is-servizzi twettaq fil-prattika l-missjoni ta’ karità tal-Papa favur il-foqra u l-aktar persuni vulnerabbli.
L-Ambulatorju San Martino ġie inawgurat mill-Papa Ljun XIV f’Novembru li għadda, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Foqra, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tat-Tama. Dan kompla jsaħħaħ is-servizzi mediċi offruti fil-qalba tal-Vatikan lil dawk li ma għandhomx aċċess faċli għall-kura tas-saħħa.
Għalhekk, il-mument tal-barka tal-Warda tad-Deheb se jkun marbut mhux biss mad-devozzjoni lejn Marija tal-Grazzja, iżda wkoll ma’ ġest konkret ta’ solidarjetà ma’ min jinsab fil-bżonn.
Kull min jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu għal din l-għotja jista’ jgħaddi d-donazzjoni lill-Arċipriet.






Leave a Comment