Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Settembru 2026, Ħaż-Żabbar ser jilqa’ korteo akkumpanjat bil-Warda tad-Deheb, flimkien ma’ ċelebrazzjoni Marjana fit-toroq tal-lokalità.
Il-korteo jibda fis-6.30pm mill-Kappella ta’ Santa Marija u jkun akkumpanjat miż-żewġ baned Żabbarin, li matul il-mixja jdoqqu innijiet Marjani.
Il-purċissjoni tgħaddi minn Triq Santa Marija, Misraħ San Ġakbu, Misraħ is-Sliem, Triq il-Kbira, Triq l-Immakulata Kunċizzjoni, Triq Ġanni Bonavia, Pjazza Madonna Medjatriċi, Triq Hompesch, Triq il-Kunvent, Triq Felice u Triq is-Santwarju.
Madwar is-7.45pm, hekk kif il-korteo jasal fi Triq is-Santwarju, tibda t-talba tar-Rużarju Aux Flambeaux lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, fejn tkompli ċ-ċelebrazzjoni Marjana.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Kanċillier tal-Arċidjoċesi jaqra d-digriet tal-Warda tad-Deheb ta’ Monsinjur Arċisqof. Wara, il-pubbliku jkollu l-opportunità jara l-Warda tad-Deheb esposta fis-Santwarju.
Il-Warda titqiegħed f’riġlejn ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja nhar il-Ħadd, 6 ta’ Settembru 2026, waqt Pontifikal Solenni mmexxi minn Monsinjur Arċisqof. Iċ-ċelebrazzjoni tibda fl-10.00am fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja.






Leave a Comment