Iż-Żabbar St. Patrick Supporters Club ħabbar li fl-1 ta’ Awwissu se jorganizza l-Lejla tal-Preżentazzjoni Annwali, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar.
L-attività, li se tibda fis-7.00pm, se tlaqqa’ flimkien lill-partitarji, lill-membri u lill-familji tagħhom għal serata li matulha se jiġi ppreżentat uffiċjalment it-tim ta’ Żabbar St. Patrick għall-istaġun il-ġdid.
Minbarra l-preżentazzjoni tat-tim, dawk preżenti se jkunu jistgħu jgawdu minn ikla ppreparata minn Chef Neil Darmanin. Il-menu se jinkludi tliet għażliet ewlenin: grilled chicken thighs bil-lumi u s-sagħtar għal donazzjoni ta’ €25, grilled pork medallions imħawra bil-BBQ rub għal donazzjoni ta’ €25, u beef rib-eye biz-zalza tal-faqqiegħ għal donazzjoni ta’ €30.
L-ikliet kollha se jiġu servuti b’għażla ta’ salads, fosthom Asian couscous salad, coleslaw bil-ġewż imfarrak, insalata tat-tadam u l-basal aħmar, potato salad bil-basal u t-tewm, cauliflower and aioli salad, ħjar bil-feta mfarrka u mixed salad leaves.
Għat-tfal se jkun hemm għażla bejn burger u chicken nuggets għal donazzjoni ta’ €10.
Il-klabb saħaq fuq l-importanza li l-biljetti jinxtraw minn qabel mill-uffiċċju l-ġdid tiegħu, li jinsab fil-premises ta’ Żabbar St. Patrick.
Permezz ta’ din is-serata, il-klabb qed jistieden lill-komunità kollha tingħaqad miegħu biex tagħti bidu għall-istaġun il-ġdid f’atmosfera ta’ għaqda u ċelebrazzjoni.





