Tneħħa l-armar minn quddiem l-entratura taċ-ċimiterju wara li x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata avvanza b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar jiem.
L-intervent kien jinkludi l-konsolidament tal-pilastri, il-bini mill-ġdid tal-pedestalli u l-gastri, kif ukoll il-ħolqien ta’ ornamenti ġodda f’għamla ta’ fjammi, maħduma skont l-istil oriġinali tal-faċċata.

Fl-istess waqt, il-kanċell storiku tal-entratura wkoll għadda minn proċess estensiv ta’ restawr. Dan il-kanċell huwa maħdum bis-sengħa tradizzjonali tal-forġa u magħqud permezz ta’ rivets ta’ tismira, karatteristika li turi l-ħila tal-ħaddieda ta’ żmienu.
Matul ix-xogħol saru diversi tiswijiet meħtieġa fuq l-istruttura, filwaqt li l-ħadid ġie mnaddaf permezz tal-blasting, iggalvanizzat sabiex ikun protett mis-sadid, u mogħti mill-ġdid il-kulur oriġinali tiegħu.
Il-kanċell reġa’ ġie installat f’postu wara li tlesta x-xogħol bir-reqqa mill-ħaddieda involuti. Ir-restawr reġa’ ta dehra aktar dinjituża u eleganti lill-faċċata taċ-ċimiterju, filwaqt li ppreserva element importanti tal-wirt arkitettoniku lokali.
L-intervent intlaqa’ b’mod pożittiv minn diversi persuni li segwew il-progress tax-xogħol, b’uħud minnhom jesprimu sodisfazzjon għar-riżultat miksub. Huma faħħru l-attenzjoni mogħtija lid-dettall u l-impenn biex jinżammu l-karatteristiċi oriġinali ta’ din l-istruttura storika, li tifforma parti mill-identità tal-lokal.

Ritratti: Jorge Grech





Leave a Comment