Il-poplu Żabbari qed jerġa’ jħejji ruħu biex, b’fidi, u fi spiritu Kattoliku, jiċċelebra l-festa solenni tal-Madonna tal-Grazzja, Omm u Patruna tant għażiża għall-qalb tal-komunità. Il-programm ta’ Settembru 2026, imħejji mill-Knisja Arċipretali u Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar, għandu din is-sena tifsira aktar profonda, hekk kif jitfakkar il-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar l-Erbgħa 2 ta’ Settembru, b’jum ta’ tifkira u radd il-ħajr għall-grazzji li, tul is-snin, il-Mulej għoġbu jagħti permezz tal-interċessjoni tal-Verġni Mbierka. Il-jiem ta’ wara jkunu mogħnija b’quddies, noveni u l-fervori tant mistenni waqt il-priedki.
Post ċentrali jingħata lis-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa, il-qalba tal-ħajja Kattolika, kif ukoll lit-talb marjan u l-ġabra tal-komunità madwar l-artal. Diversi gruppi parrokkjali, tfal, familji u għaqdiet se jieħdu sehem f’dawn il-ġranet ta’ grazzja.
Il-Ħadd 6 ta’ Settembru jkun jum ta’ importanza partikolari, b’ċelebrazzjonijiet solenni marbuta mal-ġublew tal-Inkurunazzjoni fejn dakinhar l-Arċisqof Metropolitan joffri il-warda tad-deheb f’ isem il-poplu ta’ Ħaż-Żabbar lil Madonna tal-Grazzja. In-novena tkompli tul il-ġimgħa, sakemm il-festa tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru.
Dakinhar, wara l-għasar il-vara titulari tal-Madonna tal-Grazzja tgħaddi mit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar fost it-talb, il-kant u ċ-ċapċip tal-miġemgħa devot.
Din mhijiex biss festa ta’ tradizzjoni, iżda xhieda ħajja tal-fidi Kattolika li missirijietna għaddewlna. F’dinja li dejjem aktar titbiegħed minn Alla, id-devozzjoni lejn il-Madonna tibqa’ sejħa qawwija għall-fedeltà lejn Kristu, il-Knisja u l-wirt nisrani tagħna
.






Leave a Comment