Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed ifakkru l-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja, illum, l-Erbgħa 29 ta’ Lulju, is-Santwarju ser jilqa’ pellegrinaġġ organizzat mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M., fergħa tan-nisa.
Għal din l-okkażjoni, il-membri tas-Soċjetà ser jagħmlu l-laqgħa tagħhom ta’ kull nhar ta’ Erbgħa fis-Santwarju, f’ambjent ta’ talb u devozzjoni Marjana.
Il-programm jibda biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija waqt il-Quddiesa tas-6.30pm. Wara l-Quddiesa, ser issir ċelebrazzjoni Marjana li tinkludi mument ta’ talb u riflessjoni permezz ta’ talb Marjan miktub minn San Ġorġ Preca, il-fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.
Din l-attività tifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi reliġjużi marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tal-75 Sena mill-Inkurunazzjoni Kanonika tal-Kwadru Titulari u Mirakuluż tal-Madonna tal-Grazzja.
Is-Santwarju qiegħed jilqa’ bi pjaċir lill-membri kollha tal-M.U.S.E.U.M. Sezzjoni Bniet. Ingħaqdu magħhom.






Leave a Comment